07:59
ros-ann
494
Jn 11:1-45 -- I am the resurrection and the life - Jien hu l-qawmien u l-ħajja. IN YEAR A, SUNDAY GOSPEL OF WEEK 5 OF LENT --- --- The Death of Lazarus --- Evanġelju ( jew il-forma l-qasira: Ġw 11, 3…Aktar
Jn 11:1-45 -- I am the resurrection and the life - Jien hu l-qawmien u l-ħajja.

IN YEAR A, SUNDAY GOSPEL OF WEEK 5 OF LENT ---
--- The Death of Lazarus ---
Evanġelju ( jew il-forma l-qasira: Ġw 11, 3-7.17.20-27.33b-45 )
Jien hu l-qawmien u l-ħajja.
Ġw 11, 1-45

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, [Ġw:11:1] kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta' Marija u oħtha Marta. [Ġw:11:2] Marija kienet dik li dilket il-Mulej b'żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b'xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. [Ġw:11:3] Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: "Mulej, ara, ħabibek marid." [Ġw:11:4] Meta sama' l-aħbar Ġesù qal: "Din m'hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta' Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta' Alla."

[Ġw:11:5] Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. [Ġw:11:6] Meta sama' li dan marad, baqa' jumejn oħra fejn kien, [Ġw:11:7] u mbagħad qal lid-dixxipli: "Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija." [Ġw:11:8] Qalulu d-dixxipli: "Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa' sejjer hemm?" [Ġw:11:9] Weġibhom Ġesù: "M'hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta' din id-dinja. [Ġw:11:10] Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl." [Ġw:11:11] Qalilhom hekk, u mbagħad issokta jgħidilhom: "Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu."

[Ġw:11:12] Qalulu d-dixxipli: "Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq." [Ġw:11:13] Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta' meta wieħed ikun bin-ngħas. [Ġw:11:14] Mbagħad qalilhom ċar u tond: "Lazzru miet. [Ġw:11:15] U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh." [Ġw:11:16] Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: "Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu."

[Ġw:11:17] Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. [Ġw:11:18] Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju 'l hemm minnha. [Ġw:11:19] Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. [Ġw:11:20] Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. [Ġw:11:21] Marta qalet lil Ġesù: "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. [Ġw:11:22] Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek." [Ġw:11:23] Ġesù qalilha: "Ħuk jerġa' jqum!" [Ġw:11:24] Qaltlu Marta: "Jiena naf li jerġa' jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum." [Ġw:11:25] Qalilha Ġesù: "Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; [Ġw:11:26] u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?" [Ġw:11:27] "Iva, Mulej," weġbitu, "Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta' Alla, dak li ġie fid-dinja."

[Ġw:11:28] Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: "L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek." [Ġw:11:29] Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. [Ġw:11:30] Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa' fejn kienet ġiet tiltaqa' miegħu Marta. [Ġw:11:31] Il-Lhud li kienu d-dar ma' Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajjluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.

[Ġw:11:32] Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f'riġlejh, tgħidlu: "Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut." [Ġw:11:33] Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. [Ġw:11:34] "Fejn qegħedtuh?" staqsiehom. Huma weġbuh: "Mulej, ejja u ara." [Ġw:11:35] U Ġesù beka. [Ġw:11:36] Għalhekk il-Lhud qalu: "Ara kemm kien iħobbu!" [Ġw:11:37] Iżda xi wħud minnhom qalu: "Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?"

[Ġw:11:38] Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb' oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. [Ġw:11:39] Ġesù qal: "Neħħu l-blata." Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: "Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet." [Ġw:11:40] Qalilha Ġesù: "Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta' Alla?" [Ġw:11:41] Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa' għajnejh 'il fuq u qal: "Missier, nroddlok ħajr li smajtni. [Ġw:11:42] Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni." [Ġw:11:43] Kif qal hekk, għajjat b'leħen għoli: "Lazzru, oħroġ!" [Ġw:11:44] U dak li kien mejjet ħareġ, b'idejh u riġlejh infaxxati u b'maktur ma' wiċċu. Ġesù qalilhom: "Ħollulu l-faxex u ħalluh imur."

[Ġw:11:45] Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

.