Li nħares il-Kmandamenti kif tifhimhom Int.
Is-Sitt’ Ħadd tas-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Illum l-ebda liġi mhi moda, Mulej. Il-legaliżmu hu disprezzat..... ġustament. Imma bl-iskuża tal-liberta’ tal-maturita’ tal-progress spiċċa ħafna rispett lejn kull forma ta’ liġi f’kull qasam f’kull istituzzjoni f’kull eta. Anki lejn liġijiet ġusti. Anki lejn regolamenti bis-sens. Anki lejn il-liġi tiegħek, Mulej. Mulej, il-liġi tiegħek għaddiet mill-prova taż-żmien. Kollox juri li mingħajr rispett veru għaliha il-bniedem, bl-intelliġenza kollha tiegħu, jitkisser mill-egoiżmu tiegħu ikisser l-istess sejbiet li jagħmel ikisser il-futur sabiħ li jkun qed jibni. U allura jfassal qisien li jinbidlu skont iċ-ċirkustanzi prinċipji li jiġġebbdu bħal-lastku anarkija li jsejħilha liberta’. Mulej, ir-rispett għal-liġi tiegħek mhix pjaċir li aħna nagħmlu lilek imma favur kbir li għamilt lilna, intelliġenti limitati. Għinna nifhmuha kif tifhimha int fil-veru skop tagħha fl-isfond tal-liberta’ li trid tagħtina. Iva, Mulej, irrid noqgħod għalli tgħid int għall-għażliet tiegħek għall-preferenzi tiegħek. Żgur tifhem iżjed minni. Mulej, jekk illum tistaqsini x’irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq: li nħares il-kmandamenti kif tifhimhom int bl-isfumaturi li tajthom bl-aċċenti kif għamilthom int. Int, Mulej, m’għandek ebda interess trażżan il-liberta’ tagħna imma li tgħinna niżviluppawha u nħaddmuha sew tagħtiha sens u direzzjoni ġusta. Għinni nifhimha bħalek, Mulej, u nikkopera ma’ mħabbtek.