04:05
lawgen123
194
Li nibqa’ ninsisti miegħek. L-Għoxrin Ħadd ta' matul is-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. …Aktar
Li nibqa’ ninsisti miegħek.

L-Għoxrin Ħadd ta' matul is-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Aħna nfittxuk biss meta jaqblilna, Mulej meta nħossu bżonnok meta rridu xi ħaġa mingħandek: u allaħares ma tismagħniex fil-pront! Kollox irrid u mal-ħaġra t-tajn …. malli nibdew nitolbu. Jekk le, malajr niddeċiedu li ma tridx tismagħna li daqshekk tlabna li ma rridu nafu b’xejn iżjed. Veru għandek paċenzja Mulej. Veru wiċċna joqogħdilna. Veru naqilbu l-ordni: qisu aħna s-sinjuri qisu aħna l-padruni qisu aħna l-imgħallmin. Int tirraġuna ħafna differenti minna, Mulej. Inti ma teħlisx minna għax indejquk. Inti ma twarrabniex għax egoisti. Imma tieħu ż-żmien tiegħek tagħti ż-żmien lilna biex tipprova l-fidi tagħna biex nagħtu prova li nemmnu fik. Mulej, int tridna ninsistu miegħek. Mhux tant bil-kliem. għax int taf x’neħtieġu iktar milli nafu aħna, daqskemm bl-attitudni ta’ umilta’ quddiemek ta’ gratitudni lejk ta’ ċertezza fl-imħabba tiegħek. Aħfirli, Mulej, in-nuqqas ta’ paċ enzja miegħek ir-rabja ta’ kultant għalik il-pretensjonijiet mgħagglin tiegħi. Ħu ż-żmien tiegħek, Mulej: lest nibqa’ nistennik sakemm jogħġob lilek. Mulej, jekk illum tistaqsini x’irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq: li nibqa’ ninsisti miegħek. Mhux biex niffittak. Mhux għax nibża’ li m’intix tismagħni. Imma biex nurik kemm nafda fik fil-għerf tiegħek fil-qawwa tiegħek. Issaporti, Mulej, l-insistenza tiegħi….. u ismagħni.