04:16
lawgen123
182
Li ma noħnoqx kelmtek fija. Il-Ħmistax-il Ħadd tas-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed …Aktar
Li ma noħnoqx kelmtek fija.

Il-Ħmistax-il Ħadd tas-Sena. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Kemm int realistiku, Mulej! Kemm tafna tajjeb! Kemm tafhom sew l-għedewwa tagħna il-problemi li rridu nirbħu ir-reżistenzi li noffru aħna stess. Mulej, ġa għandi ħafna x’jikkumbattini minn barra. Hemm il-ħażin li jfittex jisraqli kelmtek minn qalbi biex ma nagħtihiex ħsieb ma nilħaqx nifhimha ma tilħaqx issawwarli mġibti. Hemm l-għawġ li jiġi fuqi tul ħajti msejkna. Hemm dawk li jħabbtuni minħabba kelmtek u malajr ifixkluni avolja nkun smajtek minnufih u bil-ferħ. Imma hemm ukoll problemi li noħloq jien, Mulej. Hemm l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda żejda għall-art u għal kull mhu tagħha li ma jħallux kelmtek tagħmel frott fija u bija. Dan kollu, Mulej, joffrilek ambjent ostili widna mtarrxa art mimlija xewk u reżistenzi. Mulej, għinni noffrilek art tajba min-naħa tiegħi biex kelmtek tkun tista’ tidher fil-qawwa ħallieqa fejjieda qaddisa tagħha. Ħlejt wisq rikkezzi, Mulej! Tellift wisq frott bnin bi żvantaġġ għal kulħadd! Ħbejt wisq il-kapaċitajiet tiegħek li ridt turi fija! Aħfirli, Mulej, u ġeddidni. Għinni npatti u nrodd. Mulej, jekk illum tistaqsini x’ irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq: li ma noħnoqx kelmtek fiha li ma nkunx ingrat miegħek li ma nkunx ħali f’ġidek. Għallimni, Mulej, inżomm il-kalma tal-moħħ il-paċi tal-qalb meħtieġa biex nisma’ kelmtek bi profitt b’rispett veru b’mod li tagħmel ħafna frott.